Aħbarijiet Internazzjonali - 20 t'Awwissu, 2008 - 2:48p.m.
Imut il-President taż-Żambia, Levy Mwanawasa

Il-President taż-Żambia, Levy Mwanawasa miet nhar it-Tlieta li għadda fi Sptar f’Pariġi wara li sofra minn attakk tal-qalb f’Ġunju li għadda.

Il-Viċi President Rupiah Banda, li mistenni jmexxi l-pajjiż b’mod temporanju, ħabbar il-mewt ta’ Mwanawasa fuq l-istazzjon ta’ l-istat. Il-President, Levy Mwanawasa, li kellhu 59 sena, sofra minn attakk tal-qalb waqt is-summit ta’ l-Unjoni Afrika li sar fl-Eġittu. Hu kien ttieħed lejn Franza fejn kien qed jinżamm għal aktar kura fi Sptar tal-pajjiż.

Bosta mexxejja minn madwar id-dinja taw il-kondoljanzi lill-familja tiegħu. Il-President Amerikan, George W. Bush sejjaħ lil Mwanawasa bħala r-rebbieħ tad-demokrazija f’pajjiżu u madwar l-Afrika. Il-President Franċiż, Nicolas Sarkozy qal li l-mewt ta’ Mwanawasa hi telfa kbira għal kontinent Afrikan. L-eks President taż-Żambia, Kenneth Kaunda qal li hu tilef ħabib personali.

F’April 2006, Mwanawasa kien sofra minn attakk tal-qalb żgħir erba’ xhur qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżu.