Aħbarijiet Lokali - 19 t'Awwissu, 2008 - 7:26p.m.
Aġġornata: Sejba ta’ katavru ta’ mara fil-baħar f’Ħad Dingli

‘Patrol boat’ tal-FAM tellgħet abbord katavru ta’ mara li aktar qabel instab fil-baħar minn sajjied f’Ħad Dingli.

Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li l-mara, li hi minn Birkirkara u għandha 50 sena, nstabet nhar it-Tlieta filgħodu mis-sajjied hekk kif kien għaddej minn taħt l-Irdum ta’ Ħad Dingli. Hu nforma lill-Forzi Armati ta’ Malta fejn intbagħtet patrol boat biex jittella’ l-katavru mill-baħar. Il-katavru ddaħħal f’Xatt it-Tiben għall-ħabta ta’ 11:45a.m. mill-patrol boat P-24 tal-FAM.

Sa issa għadu mhux magħruf x’wassal biex il-mara spiċċat fil-baħar. Awtopsja fuq il-katavru mistennija li ssir l-Erbgħa filgħodu.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija.