Aħbarijiet Lokali - 04 ta' Lulju, 2008 - 1:41p.m.
It-temp f’Ġunju 2008 jibqa’ skond il-medja għal dan iż-żmien tas-sena

It-temp fix-xahar ta’ Ġunju 2008 kien skond il-medja għal dan iż-żmien tas-sena. It-temperatura medja kienet ta’ 23.9°C jiġifieri 0.5°C iktar min-normal. L-aktar Ġunju sħun kien fl-2003 meta t-temperatura medja kienet telgħet għal 26.1°C.

Skond l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali, it-temperaturi telgħu b’mod sinifikanti mill-21 tax-xahar hekk kif l-aktar ġranet sħan kienu s-26 u t-30 ta’ Ġunju, meta l-ogħla temperature laħqet it-33.0°C. Intant l-aktar lejl frisk matul Ġunju 2008 kien dak tas-6 tax-xahar meta t-temperatura niżlet għal 15.8°C.